L-Għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata, twaqqfet fis-sena 1988 bl-isem ta’ “Tarxien Majorettes”. Segwentament minħabba tkabbir fl-inizjattivi kulturali; maż-żmien din l-għaqda bidlet isimha għal-dak li nafuh illum: Għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata A.D 1988. L-ewwel sede li kellha din l-għaqda kien fi Triq San Ġużepp. Minbarra li l-għan speċifiku tagħha kien, għadu u jibqa l-armar ta’ diversi toroq għal-festa Titulari ad unur Marija Annunzjata, fil-kalendarju għandha diversi impenji ta’ ġeneru Kulturali bħall-ma’ huma il-paegent Passjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, it-tiżjin ta’ toroq fil-ġranet tal-Milied, Żifna u Karru għal-Karnival u oħrajn.
Tħaddan fiha seba’ sezzjonijiet li huma; Grupp Żgħażagħ Stillieri, Grupp Dilettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa, Grupp Dilettanti tal-Milied, Look Star Dancing School, Grupp Dilettanti tal-Karnival, Grupp Dilettanti tal-Festa Marija Annunzjata u l-Grupp tal-Fund Raising.
Din l-Għaqda għamlet mhux biss isem fil-gżejjer Maltin imma anke’ rrapreżentat lil Malta f’Abruzzo fl-Italja fis-sena 2006 b’tiżjin tal-Festa. Fl-2007 ta’ unur għall-għaqda kien li ġurnalista ta’ l-iktar gazzetta influwenti Portugiża, “l-Expresso” ġiet tagħmel rapport fuq il-“Passjoni mat-Toroq ta’ Ħal Tarxien” wara li semgħet b’widnejha stess dan l-avveniment.
Din is-sena l-għaqda qed tiċċelebra l-għoxrin sena mit-twaqqif tagħha kif ukoll ħames snin mil-ftuħ ta’ l-ewwel sit li jitratta l-festa Titulari ta’ raħalna, www.stillieritarxien.com